Aqbeż għall-kontentut

Abort

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

L-abort huwa t-tneħħija tal-embrijun jew tal-fetu mill-utru tal-omm tqila waqt it-tqala fi żmien meta dan ma jistax jgħix waħdu. L-abort ilu jsir eluf ta' snin bħala mezz ta' kontroll tat-twelid u nsibuh f'ħafna kulturi tal-imgħoddi kif ukoll f'dawk tal-lum. Fl-istorja nsibu ħafna filosofiji li jitkellmu kemm favur kif ukoll kontra l-abort. Waħda mir-reliġjonijiet ewlenin li jikkundannaw l-abort hija dik Nisranija li dejjem qieset l-abort bħala qtil ta' tarbija innoċenti, għax tqisha bniedem sa mill-bidu nett tat-tnissil tagħha.

Sas-sebgħinijiet, l-abort sar legali f'ħafna mill-pajjiżi Ewropej, fil-Ġappun u fl-Istati Uniti fis-sentenza magħrufa tal-Qorti Suprema ta' Roe kontra Wade (1973), li fiha ġie ddikjarat li l-fetu mhuwiex 'persuna' protetta mill-Kostituzzjoni u li l-abort jista' jsir fl-ewwel sitt xhur tat-tqala. F'Malta l-abort huwa meqjus bħala delitt u jeżistu pieni kontra min jagħmlu. Madankollu ħafna jsiefru l-Italja jew l-Ingilterra u jabortixxu fl-isptarijiet ta' hemmhekk. L-abort huwa differenti mill-metodi ta' kontraċezzjoni għax waqt li dawn ma jħallux lill-isperma tiltaqa' mal-bajda, fl-abort il-bajda li titneħħa tkun diġa fekondata u forsi diġa kibret u saret fetu.[1]

Kif isir l-abort

[immodifika | immodifika s-sors]

1. Raxkament. L-għonq tal-utru jiġi mwessa' u tiddaħħal fih sikkina b'xafra mdawra. Il-fetu u l-plaċenta jitqattgħu biċċiet u jitneħħew.

Perikli: Telf ta' demm, l-aktar jekk l-omm ikollha xi infezzjoni. L-għonq tal-utru jista' ma jagħlaqx sewwa wara u allura meta l-omm tasal għal xi tqala oħra din ma tkunx tista' żżommha u titlef it-tarbija.

2. Ġbid tal-arja. Mal-għonq tal-utru mfettaħ jiddaħħal pajp tal-vakwu li bil-qawwa li biha jiġbed iqatta' l-fetu biċċiet u jgħaddih għal ġo flixkun bid-demm u l-biċċiet tal-għadam b'kollox.

Perikli. Bħal tar-raxkament.

3. Injezzjoni tal-melħ. Il-fetu ġewwa l-ġuf jingħata injezzjoni ta' melħ li biha jmut xi siegħa wara bi tbatija kbira. Jumejn wara l-fetu joħroġ bħal fi twelid normali.

Perikli: Diffiċli fiżikament u psikoloġikament għall-mara.

4. 'Pillola tal-abort'. Din hija pillola steroid imsejħa RU486 li bdiet tintuża għall-ewwel darba fl-1986 fi Franza u fiċ-Ċina.

5. Isterotomija. Din l-operazzjoni tixbah lil dik taċ-ċesarja. Iż-żaqq tal-mara u l-utru jiġu miftuħa u minn hemmhekk jinħareġ il-fetu li billi jkun għadu żgħir wisq biex jgħix barra mill-ġuf imut wara ftit.

Il-pożizzjoni tal-Knisja Kattolika

[immodifika | immodifika s-sors]

"Il-ħajja tal-bniedem jeħtiġilha rispett u ħarsien b'mod assolut sa mill-ewwel mument tal-eżistenza tiegħu. Sa mill-ewwel mument tat-tnissil tiegħu, il-bniedem għandu jkollu magħrufin id-drittijiet tiegħu bħala persuna; fost dawn id-drittijiet, li ma jistgħu jitmissu qatt, hemm id-dritt għall-ħajja ta' kull min hu bla ħtija.

Sa mill-ewwel seklu l-Knisja Kattolika għallmet li kull abort prokurat hu ħażin moralment. Dan it-tagħlim ma tbiddilx. Jibqa' dejjem l-istess. L-abort dirett, jiġifieri kemm jekk wieħed iridu għalih innifsu kemm jekk iridu bħala mezz għal xi ħaġa ohra, hu dejjem kontra l-liġi morali b'mod gravi.

Kooperazzjoni formali f'abort hi ħtija gravi. Il-Knisja tikkastiga bi skomunika min jagħmel dan id-delitt kontra l-ħajja tal-bniedem. 'Min jipprokura abort, jekk iseħħ, jaqa' fl-iskomunika...' B'dan il-mod il-Knisja ma tkun qiegħda tnaqqas xejn mill-ħniena: trid turi biss kemm hu gravi l-abort, xi ħsara jġib, ħsara li bl-ebda mod ma tista' tissewwa, ħsara magħmula lill-ħajja ta' innoċenti li ġie maqtul, lill-ġenituri tiegħu, lis-soċjeta kollha kemm hi." (paragrafi 2270 sa 2272 tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, ippubblikat fl-1992).

  1. ^ Stotland NL (July 2019). "Update on Reproductive Rights and Women's Mental Health". The Medical Clinics of North America. 103 (4): 751–766.