Anġlu Psaila
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Anġlu Psaila | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Ħaż-Żabbar, 1937 |
Mewt | 4 Settembru 2018 |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni | psikjatra |
Premjijiet |
Il-Professur Anġlu Psaila (Ħaż-Żabbar, 1937 - 4 ta' Settembru 2018) kien speċjalista tat-tfal, kardjologu kliniku u speċjalista tal-mediċina ġenerali. Is-sehem tiegħu fil-mediċina kien mifrux ukoll għall-edukazzjoni permezz tax-xandir, fejn kien jippreżenata u jipparteċipa fi programmi relatati mas-saħħa fuq ir-radju u t-televiżjoni.
Studji
[immodifika | immodifika s-sors]Ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Liċeo u fl-Università ta’ Malta fejn iggradwa bħala tabib fl-1961. Huwa sussegwentement telaq lejn l-Ingilterra biex jispeċjalizza fil-mediċina, fejn iggradwa DCH (1964) u MRCP (1969). Psaila ġie elett Fellow tar-Royal College of Physicians of Edinburgh fl-1984 u Fellow tar-Royal College of Physicians of London fl-1997 u Fellow tar-Royal College of Physicians of Glasgow.
Karigi
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1978, hu nħatar bħala tabib konsulent fl-Isptar San Luqa u sussegwentement Deputat Direttur fid-Dipartiment tal-Mediċina u Professur tal-Mediċina fl-Università ta’ Malta. Psaila kien speċjalista tat-tfal, kardjologu kliniku u speċjalista tal-mediċina ġenerali. Hu pparteċipa regolarment f’kungressi internazzjonali u Ewropej dwar il-kardjoloġija u mediċina interna.
Personalità Televiżiva u Radjufonika
[immodifika | immodifika s-sors]Huwa wkoll attiv fl-edukazzjoni tas-saħħa pubblika, billi jikkontribwixxi b’mod sinifikattiv f'diversi programmi lokali tar-radju u t-televiżjoni. Għal ħafna snin ippreżenta l-programm Stetoskopju fuq ONE Radio nhar ta' Ħadd filgħaxija.
Sport
[immodifika | immodifika s-sors]Huwa wkoll involut fl-isports, partikularment fil-futbol u t-tennis. Huwa l-fundatur tal-Medical Tennis Association (Malta) u serva wkoll bħala President tal-World Medical Tennis Society (1993-95).
Politika
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-snin tmenin u disgħin huwa kien kandidat tal-Partit Laburista fl-Elezzjonijiet Ġenerali iżda qatt ma ġie elett.
Ġieħ ir-Repubblika
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2013 Psaila ingħata Ġieħ ir-Repubblika bħala rikonoxximent tal-kontribut eċċezzjonali tiegħu fil-qasam tal-mediċina u l-kura medika f’Malta, kif ukoll, l-edukazzjoni lill-pubbliku ġenerali permezz tal-midja.
Mewt
[immodifika | immodifika s-sors]Meta tħabbret il-mewt tal-Professur Psaila, il-Prim Ministru Joseph Muscat fakkar kif Anġlu Psaila kien professjonist iddedikat fil-mediċina, u xandar li spjega l-mediċina lil diversi ġenerazzjonijiet fuq il-midja. Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne iddeskriva lill-professur bħala kollega u ħabib tal-qalb, li ġenerazzjonijiet sħaħ għandhom ikunu grati lejh.
Il-Partit Laburista sellem il-memorja tal-Professur Psaila li jibqa’ mfakkar l-iktar għall-kontribut tiegħu fil-qasam mediku. Il-Professur Psaila mhux biss kien jispikka għall-għerf tiegħu iżda wkoll għall-mod kif dan l-għerf kien jipprova jxerrdu fost il-pubbliku b’mod partikolari permezz tal-media. Fakkar kif tul is-snin, eluf ta’ pazjenti u studenti tal-mediċina gawdew mid-dedikazzjoni li kellu l-Professur Psaila. L-altruwiżmu tal-Professur Psaila kien waslu wkoll biex joffri l-kontribut tiegħu fl-arena politika fejn kien ukoll kandidat tal-Partit Laburista f’numru ta’ elezzjonijiet ġenerali.