Kastell ta' Paphos
Il-Kastell ta' Paphos jinsab fit-tarf tal-Punent tal-port tal-belt ta' Paphos, f'Ċipru. Oriġinarjament kien fortizza Biżantina li nbniet biex tħares il-port. Illum il-ġurnata min iżuru jista' jara t-Torri tal-Punent tal-Franki biż-żidiet Venezjani kif irrestawrat mill-Ottomani fl-1592, skont kitba mnaqqxa rilevanti fuq id-daħla tal-kastell. Din il-kitba tinsab fuq plakka tal-irħam abjad ta' 150 cm b'40 cm fuq id-daħla tat-torri u tirreferi għar-rikostruzzjoni fl-1592 mill-gvernatur Tork ta' Ċipru Ahmet Pasha (1589-1593).
Il-fortizza prinċipali tal-belt kienet tinsab f'Saranta Kolones, madwar 600 metru fil-Punent, u nqerdet minn terremot fl-1222.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Il-fortizza Biżantina oriġinali nqerdet f'terremot fl-1222. Reġgħet inbniet u tkabbret mil-Lusinjani fis-seklu 13. Dawn bnew ukoll l-hekk imsejħa "Torrijiet ta' Ġenova". Il-fortizza fil-verità hi kastell li jikkonsisti minn kumpless ta' żewġ torrijiet. Il-fdalijiet ta' dawn tal-aħħar jinsab 80 metru fil-Lvant tal-kastell, eżatt fid-daħla tal-port, u kienu jintużaw bħala l-aqwa difiża. Għalkemm dawn it-torrijiet kienu jitqiesu bħala żidiet tal-kastell, ma kellhom l-ebda kuntatt ma' xulxin u x'aktarx kienu jitqiesu bħala kastell separat. Ingħataw isimhom minħabba l-importanza tagħhom fil-battalja kontra Ġenova fl-1373, fejn kellhom rwol importanti fid-difiża tal-port tal-belt, ladarba l-għadu minn Ġenova kien prinċipalment forza navali. Kienu importanti wkoll fil-battalja kontra l-Mamluk fl-1426, fejn ġarrbu ħsarat estensivi u minn dak iż-żmien 'l hawn ma reġgħux inbnew. It-torrijiet inqerdu wara terremot qawwi fl-1491, iżda l-fdalijiet tagħhom għadhom viżibbli. Il-kastell għadda f'idejn il-Venezjani li għamlu xi żidiet.
Il-kastell irreżista l-invażjoni tal-għadu minn Ġenova fl-1373 u kien wieħed mill-ftit li ma nħakimx mill-Mamluk fl-1426, taħt il-gwida tal-għassies tiegħu, Sforza, li kien merċenarju Spanjol akkanit. F'Awwissu 1570, meta t-Torok żbarkaw, id-difensuri tiegħu ma ħarbux, bħalma kien il-każ fi drabi oħra. Minkejja l-qlubija tad-difensuri li damu 16-il jum jiġġieldu u jirreżistu u minkejja l-pożizzjoni tajba tal-kastell, il-kastell xorta waħda nqered. L-Ottomani wettqu t-tiswijiet fuq il-fdalijiet tal-kastell, abbażi tal-binja oriġinali, peress li bis-saħħa tal-kostruzzjoni b'saħħitha tal-kastell ma kienx inqered għalkollox. Matul l-okkupazzjoni Torka l-kastell kellu għassa ta' 100 suldat u 12-il kanun li baqgħu hemm sal-wasla tal-Brittaniċi fl-1878.[1]
Arkitettura
[immodifika | immodifika s-sors]Il-parti prinċipali tal-kastell tikkonsisti minn torri rettangolari kbir ta' 40 metru b'20 metru, b'bitħa interna msaqqfa fin-nofs. Il-pjanta tal-kastell tikkonsisti minn sala ċentrali bi kmamar żgħar u bi kmamar kbar fuq kull waħda miż-żewġ naħat kbar tiegħu, li kienu jintużaw bħala ħabs u bħala barrakki matul il-ħakma tal-Ottomani. Fuq il-bejt hemm torri kwadru żgħir ta' 15-il metru b'10 metri li fih tliet kmamar kbar li fihom kien jgħix l-għassies tal-kastell. Fl-istess sular madwar il-perimetru hemm 12-il bastjun mal-bejt, li kienu jifilħu sa 12-il kanun matul l-okkupazzjoni Torka.
Fl-1878, mal-wasla tal-Brittaniċi, il-kastell ma baqax jintuża għal skopijiet militari u sar maħżen tal-melħ sal-1935, meta ġie ddikjarat bħala monument antik taħt l-Att dwar l-Antikitajiet. Minn dak iż-żmien 'l hawn sar jirrappreżenta waħda mill-iktar binjiet ikoniċi u karatteristiċi tal-belt ta' Paphos. Fl-1938-1939 diversi konsenturi fil-ħitan tal-kastell u l-breakwater ġew imsewwija. Il-kastell ġarrab ħsarat estensivi fit-terremot tal-1953 u t-tiswijiet tlestew fl-1969. Il-kastell intlaqat ukoll mill-forzi navali u tal-ajru Torok matul l-ibbumbardjar tal-port ta' Paphos fil-21 ta' Lulju 1974, iżda ma ġarrabx ħsarat kbar. Iktar reċentement, il-kastell jintuża bħala sfond għall-Festival Kulturali Annwali ta' Paphos fil-Beraħ li jsir f'Settembru. Diversi skavi arkeoloġiċi twettqu biex jiġi investigat l-imgħoddi ta' dan il-kastell.[1]
Turiżmu
[immodifika | immodifika s-sors]Attwalment, il-kastell jintuża bħala attrazzjoni turistika u okkażjonalment jittellgħu wirjiet tematiċi fih. Id-dħul jiswa € 2.50, u l-ħinijiet tal-ftuħ huma mit-8:30 sal-17:00 fix-xitwa u mit-8:30 sas-19:30 fis-sajf. Il-pjan terran tal-kastell huwa aċċessibbli għall-persuni bis-siġġu bir-roti, iżda mhux is-sular ta' fuq.[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ "Medieval castle of Pafos - A castle which was rebuilt several times during the diverse history of Cyprus". www.cyprusalive.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-03.