Nekropoli ta' Monterozzi
In-Nekropoli ta' Monterozzi (bit-Taljan: Necropoli dei Monterozzi) hija nekropoli tal-Etruski fuq għolja fil-Lvant ta' Tarquinia fir-reġjun ta' Lazio, l-Italja. In-nekropoli fiha madwar 6,000 qabar, u l-eqdem wieħed minnhom imur lura għas-seklu 7 Q.K. Madwar 200 kompartiment tal-oqbra huma mżejna bl-affreski.[1]
L-oqbra mpittra tan-nekropoli huma l-ikbar dokumentazzjoni tal-pittura Etruska, u huma xhieda unika tal-ħajja ta' kuljum, taċ-ċerimonji u tal-mitoloġija tal-Etruski.[2] Uħud mill-oqbra huma monumentali, imħaffrin fil-blat u b'tumuli fuqhom, u huma aċċessibbli permezz ta' kurituri jew turġien inklinati 'l isfel. Fl-affreski hemm bosta suġġetti, fosthom ritwali, annimali, temi maġiċi, żfin u strumenti mużikali. L-iktar oqbra magħrufa huma l-Qabar tal-Leopardi, il-Qabar tal-Kaċċa u tas-Sajd, il-Qabar tal-Awguri, il-Qabar tat-Triclinium, il-Qabar tax-Xjaten Blu u l-Qabar tal-Barrin.
Bosta mill-artefatti li nstabu fin-nekropoli u wħud mill-affreski issa jinsabu fil-Mużew Nazzjonali ta' Tarquinia sabiex jiġu ppreservati.[3] Il-pitturi u d-dekorazzjoni mal-ħitan fil-Qabar tal-Baruni, skopert fl-1827, ġew riprodotti wkoll fuq il-ħitan tal-hekk imsejjaħ Kabinett tal-Etruski fil-Kastell ta' Racconigi.
Flimkien man-Nekropoli ta' Banditaccia, in-Nekropoli ta' Monterozzi, qrib Tarquinia, ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004, peress li joħorġu fid-dieher il-ħajja ta' kuljum tal-Etruski permezz tal-affreski fl-oqbra, peress li ħafna minnhom huma repliki tad-djar tal-Etruski, xhieda unika ta' kultura li għebet.[4]
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kumpless funebri jmur lura għal Żmien il-Ħadid, jew il-Perjodu ta' Villanova (is-seklu 9 Q.K.), sa Żmien ir-Rumani. Fis-sit wieħed jista' jara oqbra tondi sempliċi mħaffrin fil-blat għall-kremazzjoni u dawn imorru lura għall-Perjodu ta' Villanova.
Lejn l-aħħar tas-seklu 8 Q.K., l-ewwel kompartimenti funebri tfaċċaw bħala oqbra tal-familji minħabba t-tlugħ għall-poter tal-aristokrazija. Fis-superfiċe dawn kienu jidhru bħala tumbati tal-art jew tumuli, li xi kultant kienu jlaħħqu proporzjonijiet impressjonanti biex iqanqlu s-sens ta' setgħa u ta' prestiġju tan-nobbli, kif jidher ċar fl-oqbra msejħa tar-Re u tar-Reġina. B'kollox kien hemm madwar 600 tumulus viżibbli fis-superfiċe fis-seklu 19, u mbagħad ħafna minnhom tkissru wara l-iskavi.
It-tumuli s-soltu kienu jgħattu kompartimenti taħt l-art imħaffrin fil-blat, li kien ikun fihom sarkofagi u affarijiet personali tal-mejtin, u bosta minnhom kienu jiġu mżejna b'pitturi mal-ħitan.
L-iktar sarkofagi bikrin ġew imnaqqxin bl-immaġni tal-mejjet mimdud fuq l-għatu. Tipi oħra, li hemm diversi minnhom, juru l-mejjet fuq ġenbu tax-xellug, iħares lejn id-daħla tal-qabar u spiss kien ikollu f'idu xi skutella tas-sagrifiċċji; xi drabi raġel juri parċmina bil-kitba li telenka l-karigi maġisterjali li kien jokkupa hu u missirijietu. Matul it-tieni nofs tas-seklu 4 Q.K., bdew jintużaw sarkofagi skolpiti u mpittra tan-nenfro, tal-irħam u tal-alabastru. Dawn kienu jiġu depożitati fuq bankijiet imħaffrin fil-blat jew mal-ħitan fil-kompartiment taħt l-art.
Is-sarkofagi kienu jiġu mżejna wkoll b'riljievi b'kontenut simboliku jew mitoloġiku, li spiss kienu joriġinaw mill-mudelli Tarentini. Is-sarkofagi bħal dawn, li baqgħu jintużaw sas-seklu 2, tant hemm minnhom f'Tarquinia li x'aktarx kienu jiġu prodotti lokalment. Il-ħitan tal-kompartimenti tal-oqbra li nbnew l-aħħar ġew impittra bi xjaten tal-infern li jidhru qed jeskortaw il-mejtin wara ħajjithom, b'xeni tal-infern, purċissjonijiet ta' maġistrati u simboli oħra tal-karigi tal-membri eminenti tal-familji tal-mejtin midfuna hemmhekk.
Fost l-iktar oqbra mpittra notevoli, li huma famużi għall-kwalità artistika tal-affreski tagħhom hemm:
- il-Qabar tal-Leopardi, li x'aktarx għandu l-aqwa affreski ppreservati
- il-Qabar tal-Awguri
- il-Qabar tal-Kaċċa u tas-Sajd
- il-Qabar tat-Triclinium
- il-Qabar tax-Xjaten Blu
- il-Qabar tal-Barrin, li huwa l-eqdem qabar imżejjen b'affreski kumplessi li jmorru lura għall-540–530 Q.K. jew għall-530–520 Q.K. Huwa wieħed mill-oqbra rari tal-Etruski b'affreski erotiċi
- il-Qabar tal-Iffrustar, li huwa wieħed mill-oqbra rari tal-Etruski b'affreski erotiċi
- il-Qaber tal-Mostru, li huwa magħruf għaliex fih l-unika affresk tax-xitan Tuchulcha tal-Etruski
- il-Qabar tal-Bigi
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]In-nekropoli ta' Tarquinia, fosthom in-nekropoli ta' Monterozzi, u n-nekropoli ta' Cerveteri, ġew iddeżinjati flimkien bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.[4]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[4]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ ""Monterozzi, Etruscan Necropolis". Etruscanplaces.net". web.archive.org. 2016-03-03. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-03. Miġbur 2022-02-20.
- ^ "Necropolises of Tarquinia and Cerveteri | Italia.it (English)". www.italia.it (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-02-20. Miġbur 2022-02-20.
- ^ "Palazzo Vitelleschi". www.cerveteri.beniculturali.it. 2013-12-11. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-04-19. Miġbur 2022-02-20.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Etruscan Necropolises of Cerveteri and Tarquinia". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-20.