Aqbeż għall-kontentut

Thomas à Kempis

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Thomas à Kempis
Ħajja
Isem propju Thomas Haemerkken
Twelid Kempenc. 1380, 1379, 1380
Nazzjonalità Burgundian Netherlands (en) Translate
Mewt Zwolle, 25 Lulju 1471
Post tad-dfin Overijssel
Bażilika tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna
Edukazzjoni
Lingwi Olandiż
Latin
Għalliema Florens Radewyns
Geert Groote
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni teologu
kittieb
filosofu
saċerdot Kattoliku
poeta
Xogħlijiet importanti L-Imitazzjoni ta' Kristu
Psewdonomu Tomáš Hemerken Kempenský
Festa
25 ta' Awwissu

Thomas à Kempis (twieled għall-ħabta tal-1380 – miet fil-25 ta' Lulju 1471; bil-Ġermaniż: Thomas von Kempen; bl-Olandiż: Thomas van Kempen)[1] kien kanoniku regolari Ġermaniż-Olandiż tal-aħħar perjodu Medjevali u l-awtur ta' L-Imitazzjoni ta' Kristu, wieħed mill-iktar kotba ta' devozzjoni Kristjana popolari u magħrufa. L-isem ifisser litteralment "Tumas ta' Kempen"; Kempen huwa raħal twelidu.

Huwa kien membru tad-Devozzjoni Moderna, moviment spiritwali matul l-aħħar perjodu Medjevali, u segwaċi ta' Geert Groote u ta' Florens Radewyns, il-fundaturi tal-Aħwa tal-Ħajja Komuni.[2]

Thomas à Kempis fuq l-Għolja ta' Sant'Agnese (1569)

Thomas twieled f'Kempen qrib ir-Rheinland.[3] Kunjomu mat-twelid kien Hemerken (jew Hammerlein), mill-professjoni tal-familja, litteralment "martell żgħir", Latinizzat f'"Malleolus". Missieru, Johann, kien ħaddied u ommu, Gertrud, kienet kap ta' skola.[3]

Fl-1392, Thomas segwa lil ħuh, Johann, lejn Deventer fin-Netherlands sabiex jattendi skola famuża tal-Latin hemmhekk. Hu u jattendi din l-iskola, Thomas iltaqa' mal-Aħwa tal-Ħajja Komuni, is-segwaċi tad-Devozzjoni Moderna ta' Gerard Groote. Huwa attenda l-iskola f'Deventer mill-1392 sal-1399.[3]

Wara li telaq mill-iskola, Thomas mar fil-belt viċin ta' Zwolle biex jerġa' jżur lil ħuh, wara li Johann kien sar il-pirjol tal-Monasteru tal-Għolja ta' Sant'Agnese. Din il-komunità kienet waħda mill-Kanoniċi Regolari tal-Kongregazzjoni ta' Windesheim, stabbiliti mid-dixxipli ta' Groote sabiex jipprovdu mod ta' għajxien iktar qrib in-normi tal-ħajja monastika tal-perjodu. Thomas innifsu daħal fil-Monasteru tal-Għolja ta' Sant'Agnese fl-1406. Madankollu huwa ġie ordnat bħala qassis kważi għaxar snin wara. Huwa sar kopjatur u kittieb prolifiku. Thomas ġie ordnat fl-1413[4] u sar sottopirjol tal-monasteru fl-1429.[5]

Monument iddedikat lil Thomas à Kempis

L-ewwel mandat tiegħu bħala sottopirjol ġie interrot mill-eżilju tal-komunità minn Agnetenberg (1429). Inqala' diżgwid b'rabta ma' ħatra fis-Sede vakanti ta' Utrecht. Il-Papa Martinu V irrifjuta n-nomina tal-Isqof elett Rudolf van Diepholt, u impona interdett. Il-Kanoniċi baqgħu eżiljati sabiex josservaw l-interdett sakemm il-kwistjoni ġiet solvuta fl-1432. Matul dan iż-żmien, Thomas intbagħat lejn Arnhem biex jieħu ħsieb lil ħuh li kien marad. Huwa baqa' hemm sal-mewt ta' ħuh f'Novembru 1432.[4]

Barra minn hekk, Thomas qatta' l-ħin tiegħu bejn eżerċizzji devoti tal-kitba u tal-ikkupjar tal-manuskritti. Huwa kkopja l-Bibbja saħansitra erba' darbiet, u waħda mill-kopji hija ppreservata f'Darmstadt, il-Ġermanja, b'ħames volumi. It-tagħlim tiegħu kien jiġi moqri ferm u x-xogħlijiet tiegħu mimlijin kwotazzjonijiet Bibbliċi, speċjalment mit-Testment il-Ġdid.

Relikwarju ta' Thomas à Kempis

Bħala sottopirjol kellu r-rwol li jgħallem lin-novizzji, u f'dak ir-rwol kiteb erba' kotba żgħar bejn l-1420 u l-1427, li iktar 'il quddiem inġabru u ngħataw isem wara t-titlu tal-ewwel kapitlu tal-ewwel ktejjeb: L-Imitazzjoni ta' Kristu. Thomas More qal li kien wieħed mit-tliet kotba li kulħadd missu jkollu.[6] Milli jidher ġew ippubblikati tlettax-il traduzzjoni tal-Imitatio Christi u tliet parafrażijiet bl-Ingliż bejn l-1500 u l-1700. Thomas miet ħdejn Zwolle fl-1471.[7]

Silta mill-manuskritt ta' "Opera", miktuba minn Thomas à Kempis fit-tieni nofs tas-seklu 15.

Il-manuskitt awtografat tal-1441 ta' L-Imitazzjoni ta' Kristu huwa disponibbli fil-Biblijoteka Rjali ta' Brussell (kodiċi tal-ixkaffa: MS 5455-61).[8]

Huwa kiteb ukoll il-bijografiji ta' membri tad-Devozzjoni Moderna, fosthom ta' Gerard Groote, ta' Floris Radewijns, ta' Jan van de Gronde, u ta' Jan Brinckerinck. Ix-xogħlijiet importanti tiegħu jinkludu serje ta' prietki lin-novizzji tal-Monastetu ta' Santu Wistin, inkluż Talb u Meditazzjonijiet dwar il-Ħajja ta' Kristu, Meditazzjonijiet dwar l-Inkarnazzjoni ta' Kristu, Rimors tal-Qalb, Solilokju tar-Ruħ, Ġnien tal-Ward, Wied tal-Ġilji, u Il-Ħajja ta' Santa Lidwina ta' Schiedam.[9][10]

Monument ġie ddedikat lill-memorja tiegħu fil-preżenza tal-Arċisqof ta' Utrecht fil-Knisja ta' San Mikiel, Zwolle, fil-11 ta' Novembru 1897. Fl-1964, din il-knisja ngħalqet, u b'hekk is-santwarju u l-monument ġew tressqu fi Knisja Ġdida ta' San Mikiel 'il barra miċ-ċentru ta' Zwolle. Fl-2005, din il-knisja ngħalqet ukoll u s-santwarju u l-monument tressqu lejn il-Knisja tat-Tlugħ is-Sema' ta' Marija (bl-Olandiż: Onze-Lieve-Vrouw-ten-Hemelopneming kerk) fiċ-ċentru ta' Zwolle.

  1. ^ "Thomas à Kempis". Christian History | Learn the History of Christianity & the Church (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-25.
  2. ^ Van Engen, John (2013). Sisters and Brothers of the Common Life: The Devotio Moderna and the World of the Later Middle Ages. University of Pennsylvania Press. ISBN 978-0-8122-9005-9.
  3. ^ a b ċ Kempis (2004). On the Passion of Christ according to the four evangelists. Ignatius Press. pp. 9–12. ISBN 9780898709933.
  4. ^ a b Thomas a Kempis. 14. Miġbur 2021-07-25.
  5. ^ "Thomas a Kempis, Priest, Monk, and Writer". Christianity.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-25.
  6. ^ "Thomas à Kempis". Christian History | Learn the History of Christianity & the Church (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-25.
  7. ^ Crane, David (1975). "English Translations of the Imitatio Christi in the Sixteenth and Seventeenth Centuries". Recusant History. 13 (2): 79–100. ISSN 0034-1932. pp. 79-100.
  8. ^ William C. Creasy (2007). "Introduction". The Imitation of Christ. Mercer University Press. pp. xix–xx.
  9. ^ Thomas, à Kempis (1912b). Vincent Scully (ed.). St. Lydwine of Schiedam, virgin. London: Burns & Oates.
  10. ^ Franciscus Tolensis, Vita Thomae a Kempis, 12: "Ostenditur adhuc ejus effigies, sed admodum deformata poenèque obliterata, cum hoc insigni symbolo, In omnibus requiem quaesivi, sed non inveni, nisi in hoexkens ende boexkens: Hoc est, in abditis recessibus & libellulis."Eusebius Amort 1759, p. 29.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]